Artikolu 79 – Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl

1. Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikoli 73(1), l-Artikolu 74 jew 76, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) biex jinstemgħu dwar:

  • (a) sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż dwar xi kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u
  • (b) miżuri li l-Kummissjoni jista’ jkun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari msemmija fil-punt (a).

2. Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha, li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.
3. Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati setgħu jikkummentaw dwarhom.
4. Id-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet konċernati għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-proċedimenti. Dawn għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta’ divulgazzjoni negozjata, soġġett għall-interess leġittimu tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna oħra kkonċernata mill-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jistipulaw tali termini ta’ divulgazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u d-dokumenti interni tal-Kummissjoni, tal-Bord, tal-Koordinaturi tas-Servizz Diġitali, ta’ awtoritajiet kompetenti jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jestendi għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u dawk l-awtoritajiet. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.
5. L-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 67, 68 u 69 għandha tintuża biss għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

Scroll to Top