1. Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat li ma jaqbżux is-6 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li dak il-fornitur, intenzjonalment jew b’negliġenza:
- (a) tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament;
- (b) tonqos milli tikkonforma ma’ deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 70; jew
- (c) jonqos milli jikkonforma ma’ impenn magħmul vinkolanti b’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 71;
2. Il-Kummissjoni tista’ deċiżjoni li timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna fiżika jew ġuridika oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) li ma jaqbżux il-1 % tad-dħul annwali jew tal-fatturat totali dinji fis-sena finanzjarja preċedenti, meta dawn intenzjonalment jew b’negliġenza:
- (a) jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba sempliċi jew talba b’deċiżjoni skont l-Artikolu 67;
- (b) jonqsu milli jwieġbu għat-talba għal informazzjoni b’deċiżjoni fil-perjodu stabbilit;
- (c) jonqsu milli jirrettifikaw informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, mogħtija minn membru tal-persunal, jew jonqsu jew jirrifjutaw li jagħtu informazzjoni kompluta;
- (d) jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 69;
- (e) jonqsu milli jikkonformaw mal-miżuri adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72; jew
- (f) jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 79(4).
3. Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).
4. Meta tiffissa l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità, it-tul ta’ żmien u r-rikorrenza tal-ksur u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 2, id-dewmien ikkawżat lill-proċedimenti.
