Artikolu 73 – Nuqqas ta’ konformità

1. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konformità meta ssib li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat ma jkunx konformi ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

  • (a) id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament;
  • (b) il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 70;
  • (c) l-impenji magħmula vinkolanti skont l-Artikolu 71.

2. Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li beħsiebha tieħu, jew tqis li għandu jieħu l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, sabiex tindirizza b’mod effettiv is-sejbiet preliminari.
3. Fid-deċiżjoni adottata skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tordna lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità mad-deċiżjoni adottata fis-sens tal-paragrafu 1 f’perjodu raġonevoli speċifikat fiha u biex jipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri li dak il-fornitur beħsiebu jieħu biex jikkonforma mad-deċiżjoni.
4. Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-miżuri li ħa biex jiżgura l-konformità mad-deċiżjoni adottata fis-sens tal-paragrafu 1 mal-implimentazzjoni tagħhom.
5. Meta l-Kummissjoni ssib li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfati, din għandha tagħlaq l-investigazzjoni b’deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tapplika b’effett immedjat.

Scroll to Top