1. Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità ma’ dan ir-Regolament mill-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna. Il-Kummissjoni tista’ tordnalhom jipprovdu aċċess għall-bażijiet tad-data u l-algoritmi tagħhom, u jagħtu spjegazzjonijiet dwarhom. Tali azzjonijiet jistgħu jinkludu l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna biex iżomm id-dokumenti kollha meqjusa meħtieġa biex jiġu vvalutati l-implimentazzjoni tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, u l-konformità magħhom.
2. L-azzjonijiet skont il-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-ħatra ta’ esperti esterni indipendenti u awdituri, kif ukoll esperti u awdituri mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-kunsens tal-awtorità kkonċernata, biex jassistu lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u l-konformità magħhom u biex jipprovdu għarfien espert jew għarfien speċifiku lill-Kummissjoni.
