1. Il-Kummissjoni tista’ tibda proċedimenti bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikoli 73 u 74 fir-rigward tal-kondotta rilevanti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna li fil-konfront tiegħu l-Kummissjoni tissuspetta li kiser xi waħda mid-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.
2. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, din għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha u lill-Bord permezz tas-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, kif ukoll lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat.
Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom, mingħajr dewmien żejjed wara li jkunu ġew infurmati dwar il-bidu tal-proċedimenti, jibagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li jkollhom dwar il-ksur inkwistjoni.
Il-bidu ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mill-Kummissjoni għandha teħles lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew kwalunkwe awtorità kompetenti fejn applikabbli, mis-setgħat ta’ superviżjoni u infurzar previsti f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 56(4).
3. Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ titlob l-appoġġ individwali jew konġunt ta’ kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat mill-ksur suspettat, inkluż il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li jkunu rċevew tali talba, u, meta jkunu involuti mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, għandhom jikkooperaw b’mod sinċier u fil-ħin mal-Kummissjoni u għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna inkwistjoni, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni, il-persuni u l-bini li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom u f’konformità mat-talba.
4. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord informazzjoni rilevanti kollha dwar l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 67 sa 72 u dwar is-sejbiet preliminari tagħha imsemmija l-Artikolu 79(1). Il-Bord għandu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar dawk is-sejbiet preliminari lill-Kummissjoni fil-perjodu stipulat skont l-Artikolu 79(2). Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe fehma tal-Bord fid-deċiżjoni tagħha.
