Artikolu 65 – Infurzar tal-obbligi tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna

1. Għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna mal-obbligi stabbilitii f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni stipulati f’din it-Taqsima saħansitra qabel ma’ tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 66(2). Hija tista’ teżerċita dawn is-setgħat fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
2. Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kisret id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III jew b’mod sistematiku xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li taffettwa serjament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru tiegħu, jista’ jibgħat, permezz tas-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, talba lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kwistjoni.
3. Talba skont il-paragrafu 2 għandha tkun debitament motivata u tal-inqas tindika:

  • (a) il-punt ta’ kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat kif previst fl-Artikolu 11;
  • (b) deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jissuspetta li l-fornitur tal-pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kiser dan ir-Regolament, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-fatti li l-ksur suspettat huwa ta’ natura sistemika;
  • (c) kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jqis rilevanti, inkluż, fejn xieraq, informazzjoni miġbura fuq inizjattiva tiegħu stess.
Scroll to Top