Artikolu 64 – Żvilupp tal-għarfien espert u l-kapaċitajiet

1. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tiżviluppa għarfien espert u kapaċitajiet tal-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, permezz tas-sekondar ta’ persunal tal-Istati Membri.
2. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tikkoordina l-valutazzjoni ta’ kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni fir-rigward ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.
3. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Bord u lil korpi, uffiċji u aġenziji oħra tal-Unjoni b’għarfien espert rilevanti biex jappoġġaw il-valutazzjoni tagħhom ta’ kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni skont dan ir-Regolament.
4. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni, b’mod partikolari permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom u awtoritajiet kompetenti oħra, fejn applikabbli, inkluż billi jagħmlu disponibbli l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tagħhom.

Scroll to Top