1. Meta meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 61(2), il-Bord għandu b’mod partikolari:
- (a) jappoġġa l-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet konġunti;
- (b) jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-rapporti u r-riżultati tal-awditi ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jridu jiġu trażmessi skont dan ir-Regolament;
- (c) jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali f’konformità ma’ dan ir-Regolament, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji;
- (d) jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 66 u, jadotta opinjonijiet li jikkonċernaw pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna f’konformità ma’ dan ir-Regolament;
- (e) jappoġġja u jippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ standards, linji gwida, rapporti, mudelli u kodiċi ta’ kondotta Ewropej f’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kif previst f’dan ir-Regolament, inkluż billi joħroġ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-Artikolu 44, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet emerġenti, fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.
2. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti oħra li ma jimxux mal-opinjonijiet, mat-talbiet jew mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom adottati mill-Bord għandhom jipprovdu r-raġunijiet għal din l-għażla, flimkien ma’ spjegazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, l-azzjonijiet u l-miżuri li jkunu implimentaw, meta jirrapportaw skont dan ir-Regolament jew meta jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti tagħhom, kif xieraq.
