Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
- (a) “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;
- (b) “riċevitur tas-servizz” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizz intermedjarju, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ tfittix ta’ informazzjoni jew biex din issir aċċessibbli;
- (c) “konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li huma ‘l barra min-negozju, mill-kummerċ, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;
- (d) “biex jiġu offruti servizzi fl-Unjoni” tfisser li persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ fornitur ta’ servizzi intermedjarji li jkollu konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni;
- (e) “konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni” tfisser konnessjoni ta’ fornitur ta’ servizzi intermedjarji mal-Unjoni li tirriżulta jew mill-istabbiliment tiegħu fl-Unjoni jew minn kriterji fattwali speċifiċi, bħal:
—
għadd sinifikanti ta’ riċevituri tas-servizz fi Stat Membru wieħed jew aktar skont il-popolazzjoni tiegħu jew tagħhom; jew
—
l-immirar ta’ attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar; - (f) “kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament jekk tkunx suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha;
- (g) “servizz intermedjarju” tfisser wieħed mis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin:
- (i) servizz ta’ “sempliċi conduit”, li jikkonsisti fit-trażmissjoni f’network tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew il-forniment ta’ aċċess għal network tal-komunikazzjoni;
- (ii) servizz ta’ “caching”, li jikkonsisti fit-trażmissjoni f’network tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, li tinvolvi l-ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta’ dik l-informazzjoni, imwettqa għall-uniku fini li tagħmel aktar effiċjenti t-trażmissjoni ‘l quddiem tal-informazzjoni lil riċevituri oħra meta jitolbuha;
- (iii) servizz ta’ “hosting”, li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, u meta jitlobha huwa stess;
- (h) “kontenut illegali” tfisser kwalunkwe informazzjoni, li, fiha nnifisha jew f’relazzjoni għal attività, inklużi l-bejgħ ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi, mhix konformi mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru, irrispettivament mis-suġġett preċiż jew in-natura ta’ dik il-liġi;
- (i) “pjattaforma online” tfisser servizz ta’ hosting li, meta jintalab minn riċevitur tas-servizz, jaħżen u jiddissemina informazzjoni lill-pubbliku, sakemm dik l-attività ma tkunx karatteristika minuri u purament anċillari ta’ servizz ieħor jew funzjonalità minuri tas-servizz ewlieni u, għal raġunijiet oġġettivi u tekniċi, ma tistax tintuża mingħajr dak is-servizz l-ieħor, u l-integrazzjoni tal-karatteristika jew tal-funzjonalità fis-servizz l-ieħor mhix mezz biex tkun evitata l-applikabbiltà ta’ dan ir-Regolament.
- (j) “magna tat-tiftix online” tfisser servizz intermedju li jippermetti lill-utenti jdaħħlu talbiet biex iwettqu tiftix, fil-prinċipju, tas-siti web kollha, jew tas-siti web kollha b’lingwa partikolari, abbażi ta’ talba dwar kwalunkwe suġġett fil-forma ta’ keyword, talba bil-vuċi, frażi jew input ieħor, u li tagħti lura riżultati fi kwalunkwe format fejn tista’ tinstab informazzjoni relatata mal-kontenut mitlub;
- (k) “disseminazzjoni lill-pubbliku” tfisser li l-informazzjoni ssir disponibbli, meta jintalab mir-riċevitur tas-servizz li pprovda l-informazzjoni, għal għadd potenzjalment bla limitu ta’ partijiet terzi;
- (l) “kuntratt mill-bogħod” tfisser “kuntratt mill-bogħod” kif definit fl-Artikolu 2, punt (7) tad-Direttiva 2011/83/UE;
- (m) “interfaċċa online” tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web jew parti minnu, u applikazzjonijiet, inklużi applikazzjonijiet mobbli;
- (n) “Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment” tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment ewlieni ta’ fornitur ta’ servizz intermedjarju jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu;
- (o) “Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni” tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz intermedjarju;
- (p) “riċevitur attiv ta’ pjattaforma online” tfisser riċevitur tas-servizz li jkun uża pjattaforma online permezz ta’ talba lill-pjattaforma online biex tospita informazzjoni jew billi kien espost għal informazzjoni ospitata mill-pjattaforma online u disseminat permezz tal-interfaċċa online tagħha;
- (q) “riċevitur attiv ta’ magna tat-tiftix” tfisser riċevitur tas-servizz li jkun sottometta talba lil magna tat-tiftix online u kien espost għal informazzjoni indiċjata u ppreżentata fl-interfaċċa online tagħha;
- (r) “reklam” tfisser informazzjoni mfassla biex tippromwovi l-messaġġ ta’ persuna ġuridika jew fiżika, irrispettivament minn jekk biex tilħaq finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, u ppreżentata minn pjattaforma online fuq l-interfaċċa online tagħha bi ħlas speċifiku għall-promozzjoni ta’ dik l-informazzjoni;
- (s) “sistema ta’ rakkomandazzjoni” tfisser sistema kompletament jew parzjalment awtomatizzata użata minn pjattaforma online biex tissuġġerixxi informazzjoni speċifika fl-interfaċċa online tagħha lir-riċevituri tas-servizz jew tagħti prijorità lil dik l-informazzjoni, inkluż bħala riżultat ta’ tfittxija mibdija mir-riċevitur tas-servizz jew inkella li tiddetermina l-ordni relattiva jew il-prominenza tal-informazzjoni murija;
- (t) ”moderazzjoni tal-kontenut” tfisser l-attivitajiet, awtomatizzati jew le, imwettqa mill-fornituri ta’ servizzi intermedjarji maħsuba, b’mod partikolari, biex jiddetettaw, jidentifikaw u jindirizzaw kontenut illegali jew informazzjoni inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, ipprovduti mir-riċevituri tas-servizz, inkluż il-miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà, u l-aċċessibbiltà ta’ dak il-kontenut illegali jew ta’ dik l-informazzjoni, bħad-dimozzjoni, id-demonetizzazzjoni, u d-diżattivazzjoni tal-aċċess għalihom, jew it-tneħħija tagħhom, jew li jaffettwa l-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz li jipprovdu dik l-informazzjoni, bħat-terminazzjoni jew is-sospensjoni ta’ kont ta’ riċevitur;
- (u) “termini u kondizzjonijiet” tfisser il-klawżoli kollha, irrispettivament mill-isem jew il-forma tagħhom, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur ta’ servizzi intermedjarji u r-riċevituri tas-servizz;
- (v) “persuni b’diżabilità” tfisser ‘persuni b’diżabbiltà’ kif imsemmija fl-Artikolu 3, punt (1), tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38);
- (w) “komunikazzjoni kummerċjali” tfisser “komunikazzjoni kummerċjali” kif definit fl-Artikolu 2, punt (f), tad-Direttiva 2000/31/KE;
- (x) “fatturat” tfisser l-ammont derivat minn impriża fit-tifsira tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (39).
