Artikolu 20 – Sistema interna tat-trattament tal-ilmenti

1. Il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ppreżentaw avviż, għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur wara d-deċiżjoni msemmija f’dan il-paragrafu, bl-aċċess għal sistema interna effettiva tat-trattament tal-ilmenti, li tippermettilhom jissottomettu ilmenti, b’mod elettroniku u mingħajr ħlas, kontra d-deċiżjoni meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online li ma jaġixxix mal-wasla ta’ avviż jew kontra d-deċiżjonijiet li ġejjin meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online għar-raġuni li l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tikkostitwixxi kontenut illegali jew tkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha.

  • (a) deċiżjonijiet dwar jekk titneħħiex l-informazzjoni, jiġix diżattivat l-aċċess jew tiġix ristretta l-viżibbiltà tal-informazzjoni;
  • (b) deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-forniment tas-servizz, kollu jew parti minnu, lir-riċevituri;
  • (c) deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-kont tar-riċevituri;
  • (d) deċiżjonijiet dwar jekk tiġix sospiża, terminata jew b’xi mod ieħor ristretta l-kapaċità ta’ monetizzazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri.

2. Il-perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-jum li fih ir-riċevitur tas-servizz jiġi infurmat bid-deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 16(5) jew l-Artikolu 17.
3. Il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom jiżguraw li s-sistemi interni tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti jkunu jistgħu jiġu aċċessati faċilment, ikunu faċli għall-utent, u jkunu jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ lmenti preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq.
4. Il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom jittrattaw l-ilmenti sottomessi mis-sistema interna tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti fil-ħin, b’mod nondiskriminatorju, diliġenti u mhux arbitrarju. Meta lment ikun fih biżżejjed raġunijiet biex il-fornitur ta’ pjattaforma online iqis li d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni fuq l-avviż tkun infondata jew li l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment ma tkunx illegali u ma tkunx inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha, jew ikun fiha informazzjoni li tindika li l-imġiba tal-ilmentatur ma tiġġustifikax il-miżura meħuda, din għandha treġġa’ lura d-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien żejjed.
5. Il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi mingħajr dewmien żejjed dwar id-deċiżjoni motivata li jkunu ħadu rigward l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment u bil-possibbiltà ta’ soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti prevista fl-Artikolu 21 u possibbiltajiet oħra ta’ rimedju disponibbli.
6. Il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 jittieħdu taħt is-superviżjoni ta’ persunal kwalifikat kif xieraq u mhux unikament abbażi ta’ mezzi awtomatizzati.

Scroll to Top