1. Din it-Taqsima, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 24(3) tagħha, ma għandhiex tapplika għall-fornituri ta’ pjattaformi online li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.
Din it-Taqsima, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 24(3) tagħha, ma għandhiex tapplika għall-intrapriżi li qabel kienu jikkwalifikaw għall-istatus ta’ intrapriża mikro jew żgħira kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE matul it-12-il xahar ta’ wara li jkunu tilfu dak l-istatus skont l-Artikolu 4(2) tagħha, ħlief meta jkunu pjattaformi online kbar ħafna skont l-Artikolu 33.
2. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, din it-Taqsima għandha tapplika għall-fornituri ta’ pjattaformi online li jkunu ġew iddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna f’konformità mal-Artikolu 33, irrispettivament minn jekk jikkwalifikawx bħala intrapriżi mikro jew żgħar.
